top of page

Bradella u Bankun ġdid

Fid-19 ta’ Ġunju 2015, il-Konfraternità tal-Madonna ta’ Lourdes se żżanżan bradella u bankun ġdid għall-istatwa artistika tal-Madonna ta’ Lourdes, proġett li xxettel seba’ snin ilu, fl-2008 meta l-Konfraternità kienet qiegħda tiċċelebra l-150 sena mid-dehriet tal-Madonna f’Lourdes. Din l-opra artistika ġiet iddisinjata mill-artist Renzo Gauci u maħduma mill-mastrudaxxa Julius Sacco, filwaqt li l-iskultura ħa ħsiebha Renzo Gauci. Kif ser naraw aktar ’l isfel f’dan l-artiklu, il-proġett ta’ bradella ġdida kien f’moħħ id-diriġenti tal-Konfraternità tal-Madonna ta’ Lourdes sa mis-sena 1928. Kellu jkun is-Sur Godfrey Axiaq, membru u benefattur kbir tal-Konfraternità li reġa’ ta l-ħajja lil dan ilproġett meta fis-sena 2008 avviċina lill-Grupp Mexxej biex jiffinanzja dan il-proġett ambizzjuż.

Proġett li kellu jinbeda 84 sena ilu

Il-proġett tal-bradella, b’disinn tas-Sur Emmanuel Buhagiar għall-vara tal-Madonna ta’ Lourdes kien ġie kkummissjonat u approvat fi żmien il-Kappillan Dun Emmanuel Micallef mill-Isla. Dak iż-żmien, il-Konfraternità tal-Madonna ta’ Lourdes kienet ippreżentat id-disinn talartist Emmanuel Buhagiar waqt Laqgħa Ġenerali li nżammet fit-23 ta’ Awwissu 1931, liema disinn ġie preżentat wara li tlett snin qabel fl-1928, is-sena meta saru l-Festi Solenni f’għeluq iċ-Ċinkwantenarju mit-twaqqif tal-Konfraternità, kienet saret talba biex l-istess Konfraternità tagħmel bradella għall-Madonna ta’ Lourdes. Dan il-proġett kien sab l-appoġġ sħiħ tal-Kappillan Dun Emmanuel Micallef li skont hu l-istatwa ma kien jonqosha xejn ħlief il-bradella.

Madankollu, minkejja li sas-sena 1931 il-Kappillan Micallef baqa’ jinsisti biex issir din l-opra, fejn saħansitra l-Konfraternità Lourdes kienet anke waslet biex tippreżenta disinn fil-kobor tal-istess opra maħdum mill-iskultur Emmanuel Buhagiar, il-bradella baqgħet ma saritx minħabba li sadanittant il-Konfraternità tal-Madonna ta’ Lourdes laħqet ġiet sopressa. Dwar dan il-każ tal-aħħar, huwa interessanti li wieħed jara għalfejn il-Konfraternità twaqqfet milli tkompli taħdem. Dan it-tagħrif jinsab f’dokumenti li saru fl-istess żmien u li juru li bażikament il-Konfraternità ma tħallietx taħdem aktar għat-tliet raġunijiet li ġejjin:

Bejn l-1929 u 1931, kellha ssir diviżjoni ta’ post f’Ħal Lija, eżattament fi Strada Preziosi. Dan il-post kien jikkonsisti f’dar antika, żewġ imħażen u tliet ġardini bil-larinġ u bil-ġwiebi tal-ilma. Il-post imsemmi kellu jinqasam bejn l-Abbazija tas-Sorijiet ta’ Bormla, li kien jidher għalihom l-Arċipriet ta’ Bormla, il-Mons. Dun Karm Cutajar, u l-Konfraternità tal-Beata Verġni Immakulata ta’ Lourdes tal-Qrendi, li għaliha kellu jidher il-Prokuratur talKonfraternità, is-Sur Francesco Vella. Il-post kellu jinqasam kif ġej: tliet kwarti (3/4) lill-Abbazija tas-Sorijiet ta’ Bormla; u kwart (1/4) lill-Konfraternità tal-Madonna ta’ Lourdes/ San Filippu Neri.

Meta l-Vigarju Ġenerali, il-Mons. Dun Pawl Galea, sejjaħ lill-Prokuratur Vella l-kurja sabiex isir il-qsim talFond imsemmi, kien hemm disgwid rigward l-istima tal-post. Skont l-istima tal-Perit Milanes tal-Isla, il-fond kien jiswa £200 (mitejn Lira Sterlina), madankollu, skont l-espert li kien ħa miegħu l-Prokuratur tal-Konfraternità tal-Madonna ta’ Lourdes din kienet tiswa aktar minn £800 (tmin mitt Lira Sterlina), dan għaliex il-post seta’ jerġa’ jinbena u kien jinsab f’Ħal Lija, post ċentrali. L-espert li ħa miegħu l-Prokuratur Vella ssuġġerixxa li l-qsim jiġi pospost u l-fond jingħata b’ċens b’offerta jew jinkera, bl-ispejjeż u l-profitt jiġu maqsuma bejn l-Abbazija tas-Sorijiet u l-Konfraternità. Dawn is-suġġerimenti ma niżlu tajjeb xejn mal-Vigarju Ġenerali, tant li spiċċa keċċa ’l barra lill-espert u lill-Prokuratur.

Inzerta li l-fundatur, is-Sur Salvatore Cachia, kien għad kellu lil bintu ħajja, is-Sinjorina Filomena Cachia li fl-età ta’ 94 sena kienet għadha toqgħod fi Triq il-Kbira, il-Qrendi, (quddiem il-ħanut tal-barbier). Din malli saret taf b’dak kollu li seħħ marret il-Kurja u talbet il-Vigarju jagħmel ġustizzja mingħajr favuri jew preferenzi. Infatti l-Kurja wara, kienet qabbdet qassis minn Ħal Lija sabiex jieħu ħsieb jirranġa u jikri l-fond kif propost millKonfraternità Lourdes. Naturalment il-Mons. Dun Pawl Galea bħala Vigarju ma tantx kien sodisfatt b’dan kollu, u kien esprima ruħu ma’ diversi nies li kien hemm bżonn li jittieħdu passi drastiċi fil-konfront tal-Konfraternità sabiex din is-sitwazzjoni ma terġax tirrepeti ruħha.

It-tieni raġuni kienet it-tneħħija tad-dritt li l-Konfraternità tal-Madonna ta’ Lourdes kellha li toqgħod fil-post tagħha mal-Presbiterju kemm fil-ġranet tal-‘Quarante Ore’ (ilKwaranturi) kif ukoll fi tmiem il-purċissjonijiet. Dan ilpost kien ingħata lill-Konfraternità Lourdes sa mit-twaqqif tagħha, sewwa sew fis-sena 1878.

Raġuni oħra kienu d-diversi rapporti (ilmenti) li kienu saru rigward id-disinn mill-isbaħ tal-bradella li kien ġie ppreżentat mill-Konfraternità Lourdes lill-Kappillan Micallef, xogħol l-iskultur famuż Emmanuel Buhagiar waqt il-Laqgħa Ġenerali tat-23 ta’ Awwissu 1931. Sfortunament il-Konfraternità m’għandx għandha kopja ta’ dan id-disinn.

Minbarra dan, raġuni oħra għalfejn il-proġett tal-bradella, bid-disinn tas-Sur Emmanuel Buhagiar, baqa’ ma sarx kien minħabba diżgwid familjari bejn il-Kappillan Micallef u l-familja ta’ Ġużeppi Cassar, magħruf bħala l-‘imgħallem’ mill-familja tal-Mażina. Dan Ġużeppi Cassar li kien armel u kellu tlett ibniet kien iżżewweġ lil Giovanna Magri li kellha wkoll tlett ibniet mill-ewwel żwieġ tagħha. Miż-żwieġ bejn Ġużeppi u Giovanna Magri twieled l-Avukat Ġużè Cassar.

L-imsemmija tilwima seħħet meta Luiġi (Ġiġi) Micallef, iben Alfredo Micallef Grimaud u Agostina Micallef ( li żżewġu ż-Żejtun), b’din tal-aħħar tkun oħt il-Kappillan Micallef, tgħarras ma’ M’Lourdes Magri, bint Paolo Magri u Giovanna Magri, waħda mit-tlett ibniet ta’ Giovanna Magri li meta romlot iżżewġet lil Ġużeppi Cassar. Iż-żwieġ bejn Luigi Micallef u M’Lourdes Magri sar nhar id-19 ta’ Settembru 1931 biċ-ċelebrant ikun il-Can. Cap. Joannis Formosa S.T.D., J.U.D., B.A u x-xhieda r-Rev. Dun Emmanuel Micallef u Nikola Ellul. Issa peress li meta żżewġet waħda mill-bniet ta’ Ġuzeppi Cassar (mill-ewwel żwieġ tiegħu), ilftehim kien li r-riċeviment tat-tieġ ma jsirx id-dar tagħhom, (Il-lum parti mill-Każin tas-Soċjetà Filarmonika Lourdes), meta kien imiss li tiżżewweġ M’Lourdes ġara l-istess biddifferenza li f’din iċ-ċirkustanza il-Kappillan Micallef ħa għalih u kiser kull kuntatt li kellu ma’ Ġużeppi Cassar u l-Każin tas-Soċjetà Filarmonika Lourdes. Minħabba dan id-diżgwid familjari, il-bradella tal-Madonna ta’ Lourdes, li kienet ġiet approvata minnu stess ma tħallietx issir flimkien ma’ affarijiet oħra.

Dan kollu jkompli jsaħħaħ il-fehma ta’ kemm issopressjoni kienet superfiċjali u mhux ġusta fil-konfront tal-Konfraternità Lourdes, tant li d-digiriet tal-istess sopressjoni datat 9 ta’ Awwissu 1935 jonqos milli jsemmi r-raġunijiet għal dan. Barra minnhekk, l-istorja turina kemm il-Konfraternità Lourdes ma’ kellhiex triq faċli sabiex tieħu ħsieb dak li bi dritt kien propjetà tagħha. Madankollu, u minkejja dak kollu li ġara u li għaddiet minnu fl-imgħoddi l-Konfraternità Lourdes illum hija meqjusa bħala waħda mill-aktar Konfraternitajiet attivi fuq diversi livelli, u mudell għal ħafna oħrajn. Sfortunatament b’konsegwenza ta’ dan it-taqlib kollu, kemm il-Konfraternità kif ukoll ilParroċċa tilfu opra artistika mill-isbaħ minn idejn ħadd ħlief Emmanuel Buhagiar. Dan ma qatax qalb il-membri li matul is-snin żammew ħajja din ix-xewqa biex sa fl-aħħar din is-sena se nkunu nistgħu nżanżnuha u b’hekk inwettqu ħolma twila li missirijietna tant stinkaw għaliha biex jarawha sseħħ.

F'dan l-album hawn sett ta’ ritratti migbuda fl-ahhar snin fejn juri l-process tax-xoghol li sar fuq il-Bradella u bankun godda imzanzna fil-Festa tas-sena 2015, b'disinn u skultura mahduma minn Renzo Gauci u xoghol fil-karpenterija mill-ahwa Gilju u Charlie Sacco.

Grazzi mill-qalb tmur lejn is-Sur Godfrey Axiaq, benefattur ta' din l-opra hekk majestuza. Grazzi wkoll tmur lill-membri konsulturi, lil Kappillan, il-Kleru u lil dawk kollha li taw is-sehem taghhom sabiex din l-opra issir realta.

Il-Bradella l-Ġdida. X’nistennew!

Il-vara tal-Madonna ta’ Lourdes bl-istil purista tagħha tipiku tal-iskultur magħruf Karlu Darmanin, u r-raġġiera dinamika tagħha, toffri kompożizzjoni bbilanċjata u simetrika li issa se tkompli tingħaqad bil-proġett tal-bradella l-ġdida. Fil-fatt ingħatat attenzjoni partikolari wkoll biex ilbradella tirrifletti l-eleganza tal-pedestall. Dan serva biex jorbot f’armonija waħda l-proġett kollu li fost l-oħrajn jinkludi wkoll l-element dekorattiv tal-vara, rifless fl-anġli tal-ġnub. Fil-fatt il-kantunieri tondi tal-bradella u l-bankun, saru biex ħolqu kontinwazzjoni mexxejja mal-pedati tondi ta’ dawn l-anġli.

Kien importanti wkoll li dan il-proġett, għalkemm b’tifsila tradizzjonali, ikun fih elementi li jorbtuh maż-żmien li sar fih. Dan partikolarment jidher fl-element figurattiv tal-bankun fejn kemm il-panewijiet kif ukoll l-istatwi tħallew bid-daqqa friska tal-għodda. Dan id-dettall filwaqt li joħroġ il-proċess ta’ tinqix, jagti lill-kompożizzjoni xeħta kontemporanja ukoll.

Il-panew tal-faċċata jirrapreżenta t-tħabbira talArkanġlu lil Marija, bl-istatwi ta’ San Filippu Neri fuq naħa u Santa Bernardina fuq in-naħa l-oħra. Il-bqija talpanewijiet ikomplu jirrakkuntaw b’mod kronoloġiku l-ħajja tal-Madonna. Fil-fatt dawn jikkonsistu fil-Viżitazzjoni, itTwelid ta’ Ġesù u l-Inkurunazzjoni. L-istatwi li hemm fuq kull naħa ta’ kull panew huma ta’ Sant’Anna u San Ġwakkin; il-Papa Piju XII u l-Papa Piju IX; il-Papa Ġwanni Pawlu II u San Ġorg Preca. B’dawn l-aħħar tnejn ikomplu jorbtu dan il-proġett ma’ żminijietna.

Intużaw tliet tipi ta’ njam għal din l-opra biex jinħoloq effett dekorattiv, permezz tal-kulur partikolari ta’ kull injama. Permezz tal-injam ċar tal-panewijiet u l-istatwi, inħoloq bilanċ estetiku mal-induratura tal-vara u l-pedestall. Is-sabiħ ta’ proġett bhal dan hu, li għalkemm il-bradella fiha xogħol elaborat, dan bl-ebda mod ma jtellef mill-importanza tal-vara li hemm fuqha.

Grazzi mill-qalb

Il-Konfraternità tal-Madonna ta’ Lourdes tixtieq tirringrazzja lil Renzo Gauci, il-moħħ wara din l-opra, għall-paċenzja, d-dedikazzjoni u x-xogħol professjonali li għamel fuq l-iskultura u l-istatwi kollha tal-bradella. Grazzi wkoll lil Julius (Ġilju) Sacco u ħuh Charlie għax-xogħol metikoluż fl-injam. Ġilju ħadem b’dedikazzjoni u sengħa kbira b’idejh kull spezzatura, kunċett li ssuġġerieh hu stess wara konsultazzjoni mad-disinjatur sabiex il-bradella tkun opra unika. Grazzi wkoll tmur lil Kelinu Grima li ħadem illostru kollu bit-tajjara kif kien isir fl-antik. Grazzi lil membri konsulturi li kienu strumentali sabiex tintlaħaq il-kwalità mixtieqa. Grazzi lil dawk kollha li għenu sabiex dan il-proġett isir realtà wara għexieren ta’ snin. Fl-aħħar u mhux l-inqas grazzi lil Godfrey Axiaq benefattur kbir li ħallas din l-opra b’ringrazzjament u qima lejn Ommna Marija ta’ Lourdes. Minn hawn f’isem il-Konfraternità nixtieq nirringrazzjah ta’ dan il-ġest hekk kbir. Grazzi mill-qalb lil Madonna ta’ Lourdes li tatna s-saħħa biex naraw u ngawdu opra daqstant sabiħa u nitolbuha sabiex tagħtina x-xorti li naraw Lilha li hi sbuħija bla tarf meta mmorru fil-ħajja ta’ dejjem.

Serata Muziko Letterarja, fl-okkazjoni tal-ftuh u tberik tal-Bradella u Bankun godda tal-Madonna ta' Lourdes fir-rahal tal-Qrendi, imtellgha mill-Kor Collegium Musicum.

bottom of page