top of page

Damask Gdid Ghall-Festa tal-Beata Vergni Immakulata ta' Lourdes

Kien ta’ sodisfazzjon kbir għalina meta wara l-Quddiesa ta’ ringrazzjament fl-okkażjoni tal-140 sena mit-twaqqif tal-Venerabbli Konfraternità tal-Beata Verġni Immakulata ta’ Lourdes, li ġie ċċelebrat fil-21 ta’ Jannar 2018, kellna x-xorti nisimgħu l-aħbar, li konna ilna nistennew li xi darba tasal li l-Kurja Arċiveskovili toħroġ id-digriet li bih il-Venerabbli Konfraternità tal-Beata Verġni Immakulata ta’ Lourdes tkun tista’ tagħmel damask ġdid u komplut sabiex jintrama fil- Festa tal-Madonna ta’ Lourdes.

Fil-fatt minn meta ma baqax jintrama d-damask l-antik minħabba l-istat ħażin li kien jinsab fih, mill-ewwel bdiet tinħass il-ħtieġa li jsir damask ġdid li jkun jixraq għall- Festa tal-Beata Verġni Immakulata ta’ Lourdes u fl-istess ħin ikompli jikkumplimenta l-paramentri sagri li jintramaw għall-Festa mill-Konfraternità. Il-Grupp Mexxej jixtieq jirringrazzja lil dawk kollha li taw l-għajnuna tagħhom sabiex din id-deċiżjoni setgħet tkun possibbli fosthom il-Wisq Reverendu Kappillan Dun Glen Buhagiar, il-Kleru, il-Kunsill Pastorali u ħafna oħrajn.

Ritratt antik tal-knisja armata ghall-festa tal-Beata Vergni Immakulata ta' Lourdes fil-Qrendi

Kif tistgħu tobsru dan il-proġett ser jinvolvi flejjes kbar. Għalhekk għal darb’oħra qed nafdaw dan il-proġett daqstant importanti fil-ġenerożità tagħkom għeżież benefatturi tagħna, konxji mill-imħabba bla qjies li għandkom lejn din il-Festa devota tal-Beata Verġni Immakulata ta’ Lourdes tal-Qrendi.

Aħna konvinti, li intom li għandkom għal qalbkom din il-Festa għażiża se tgħinuna mill-aħjar li tistgħu bl-offerti tagħkom biex din il-ħolma sseħħ ma jdumx. Għal kull offerta li ser tagħtu aħna żguri li l-Mulej se jagħtikom mitt darba iżjed.

Għalhekk kull għajnuna finanzjarja, kemm żgħira kif ukoll kbira hija apprezzata biex dak li dħalna għalih b’tant entużjażmu narawh jieħu l-ħajja fis-snin li ġejjin. Il-Grupp Mexxej tal-Konfraternità Lourdes jixtieq javża li min jixtieq jagħti donazzjonijiet b’risq dan il-proġett jista’ jikkuntattja lis-Sur Kenneth Farrugia, lis-Sur Godfrey Asciak jew lis-Sur Nicholas Azzopardi.


Nirringrazzjawkom bil-quddiem tal-ġenerożità tagħkom.

Ritratt li juri d-drapp tad-damask il-gdid

Ritratt li juri d-disinn tad-damask il-gdid

bottom of page