1878 - 2013     

 

 

 

Dott. Dun Pietru Pawl Xuereb
Il-Fundatur tal-Festa tal-Madonna ta’ Lourdes fil-Qrendi

Il-Professur Ray Mangion

Dott. Dun Pietru Pawl Xuereb il-fundatur tal-festa tal-Madonna ta’ Lourdes fil-Qrendi qiegħed jiċċelebra tliet anniversarji din is-sena. Huwa qiegħed jagħlaq il-175 sena mit-twelid tiegħu, il-125 sena mill-mewt tiegħu kif ukoll il-150 sena mill-ħatra tiegħu bħala Kappillan tal-Qrendi. 


Pietru twieled fl-Isla fl-20 ta’ April 1844, iben Pietru u Marija mwielda Cordina, u tgħammed minn Dun Pawl Bellia fil-Kolleġġjata ta’ Marija Bambina. L-isem Pawlu kien ilu ġej minn tliet ġenerazzjonijiet preċedenti. Missieru kien nisel minn familja mix-Xewkija, Għawdex, iżda ta’ oriġini mir-Rabat, Għawdex, sa mill-1632. Huwa kien ħu n-Nutar Giuseppe u allura z-ziju tal-Vigarju Carmelo Xuereb, il-Wisq Reverendu Ġużeppi Xuereb u t-tabib Peter Xuereb, kif ukoll ħu Karlu u b’hekk kien iz-ziju tal-Professur Petrinu Xuereb u l-proziju tal-Professur George Xuereb kif ukoll it-tabib Charles Xuereb.  


Fi kliem ieħor nisel kollaterali tiegħu huwa l-kollega u ħabib tiegħi l-Professur Peter Xuereb, wieħed millesperti ewlenin fuq id-Dritt tal-Unjoni Ewropea u preżentement Imħallef fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Pietru kien mill-familja magħrufa bħala ‘Ta’ Ġenesju’ li kellha diversi gradwati u prattikanti fil-Liġi u fil-Mediċina u għalhekk kienet tħobb issemmi wlied fir-razza għall-padruni San Pietru u San Ġenesju. 


Huwa studja u gradwa Duttur fit-Teoloġija u immedjatament wara kien ordnat saċerdot fit-22 ta’ Diċembru 1866 u Kanonku Kantur tal-Kolleġġjata ta’ belt twelidu fl-1 ta’ Awwissu 1867. Dun Pietru Pawl jappartjeni għal epoka tassew importanti għall-istorja tal-Knisja Kattolika Appostolika Rumana mhux biss f’Malta iżda fil-kontinent tal-Ewropa u lil hinn. Infatti, huwa sar saċerdot meta l-istess Knisja mexxiet moviment biex tissaħħaħ bħala istituzzjoni f’għadd ta’ pajjiżi fi żminijiet ta’ tqanqil u taqlib li waslu għall-ħolqien ta’ Stati ġodda.

Pietru Pawl kien fost 22 qassis li bdew jifformaw parti mill-Presbiterju Djoċesjan ta’ art twelidu u kien wieħed minn fuq 200 li żdiedu fil-kleru lokali bejn l-1866 u l-1876 li bl-eżerċizzju spiritwali u l-preżenza pastorali tagħhom qawwew l-influss talAwtorità Ekkleżjastika fost il-kotra tal-poplu. Pietru Pawl kien ilu biss ftit iktar minn sentejn li sar Ministru t’Alla meta huwa kien fdat bit-tmexxija u d-direzzjoni tal-parroċċa ta’ Marija Assunta tal-Qrendi b’digriet maħruġ millKurja tal-Isqof fil-11 ta’ Marzu 1869. Huwa dlonk fittex li jxerred iktar il-kult Marjan billi minnufih imbarka fuq programm li bih xettel u xerred id-devozzjoni lejn il-Madonna ta’ Lourdes. Huwa kien imħeġġeġ bil-bosta minn membri tal-familja tiegħu ta’ Xuereb li kienu fost l-ewwel benefatturi kbar tal-proġett. 


Dun Pietru Pawl kien wieħed minn tal-ewwel li ddakkar mill-qima lejn id-dehriet tal-Madonna lil Bernardetta Soubirous fil-Grotta ta’ Massabielle Lourdes fil-Lbiċ ta’ Franza fl-1858. Huwa kellu rabta personali magħha billi ħabat li huwa ntlaqat minn marda kiefra li ħakmitu f’żgħożitu u emmen li fieq mill-interċezzjoni tagħha. Huwa xpruna lill-abitanti tal-Qrendi biex jersqu lejha billi bil-mod il-mod żera’ għeruq sodi fil-komunità ġdida tiegħu. Huwa kien raġel fuq tiegħu, ħarkieni u ħabrieki iżda jimxi pass pass u ma jgħaġġilx. 


Huwa ħaseb l-ewwel billi kkummissjona lill-pittur Ġużeppi Bonnici biex jesegwixxi żewġ immaġni tal-Madonna għall-knisja parrokkjali. Madanakollu, huwa kellu biżżejjed viżjoni biex jifhem li l-uniku mezz li bih seta’ jqajjem il-venerazzjoni lejn il-Madonna ta’ Lourdes bit-twaqqif ta’ fratellanza taħt il-ħarsien tal-Protettur San Filippu Neri sewwasew għoxrin sena wara d-dehriet. Infatti, huwa niseġ u tebagħ responsorju fi ktejjeb bl-isem ‘Tifhir u Talb Lill-Appostlu Ta’ Ruma San Filippu Neri’ li huwa kiteb u stampa għad-devoti tiegħu għand it-tipografu Żeferinu Micallef tal-Belt Valletta fl-1873. 


Dun Pietru Pawl mhux biss fassal l-istatuti neċessarji iżda niseġ u taħtaħ rikors lill-Isqof Scicluna li laqgħu fil-21 ta’ Jannar 1878 biex ix-xirka u d-dħul tal-ewwel fratelli seħħ skont id-Dritt Kanoniku u l-Liġijiet tal-Knisja viġenti. Huwa kien strumentali biex il-Fratellanza jkollha l-artal tagħha li fuqu tpoġġa t-tieni kwadru tal-pittur Ġużeppi Bonnici u qabbad lil Karlu Darmanin mill-Isla, wieħed mill-aqwa statwarji tal-kartapesta ta’ kull żmien, biex jiskolpixxi l-vara tal-Madonna ta’ Lourdes. 


Il-Kappillan Dun Pietru Pawl ħaseb f’kull rotta li setgħet twasslu biex ikattar il-gieħ u l-adorazzjoni lejn il-Madonna ta’ Lourdes billi l-ewwel aggrega l-fratellanza mal-kongregazzjoni primarja taħt it-titlu tal-Annunzjata ta’ Ruma fit-23 ta’ April 1878 u mbagħad għaqqadha mal-Arċisodalità ta’ Sidtna ta’ Lourdes f’Ruma xahar wara fis-7 ta’ Mejju 1878. Naturalment, huwa sponsorja bi flus membri tal-familja tiegħu l-apparat meħtieġ għallġilwat u l-funzjonijiet bħall-midalja tar-Rettur, is-Salib tal-fidda, lasta tal-fidda tal-Istandard ilPrim, sett karti glorja tal-fidda, 13-il gandlier, is-sopraporta kif ukoll il-purtiera tal-bieb ewlieni tal-maqdes. Barra minn hekk, huwa kkompona kurunella ta’ 15-il strofa ta’ tifħir lill-Madonna bil-Malti bl-isem ‘Ave Marija ta’ Lourdes’ - li kienet approvata mill-istess Isqof Scicluna u baqgħet tkun reċitata sal-ġurnata tal-lum. 


Dun Pietru Pawl kien żelanti u enerġetiku mhux biss biex rawwem il-festa tal-Madonna ta’ Lourdes izda għad-dekorazzjoni u r-riabilitazzjoni tat-tempju ewlieni tal-Qrendi. Huwa kien il-moħħ biex sar l-invjar talġebel u b’riħet t’hekk qabbad ħafna nies tas-sengħa u pprovda ħafna xogħol u qala’ ħafna flus. Imbagħad għamel l-induratura u l-erba’ Evanġelisti u s-saqaf tal-kor billi qabbad lill-pittur Ġużeppi Calleja kif ukoll ix-xbihat ta’ San Pietru, San Pawl u l-Fidi billi talab mill-ġdid l-intervent tal-pittur Ġużeppi Bonnici. 


Dun Pietru Pawl ġibed l-ammirazzjoni ta’ ħafna iżda huwa ħa reżoluzzjonijiet li kienu meqjusin ta’ sfida minn xi wħud u kien se jsir tentattiv fuq ħajtu tant li l-periklu kien sar magħruf mill-Pulizija li rnexxielhom jevitaw it-traġedja fil-waqt billi huwa twissa minnhom biex joqgħod attent għall-inbid talquddiesa. Dun Pietru Pawl Xuereb kien il-mira ta’ assassinju li kien żvelat u rrappurtat fil-ħin propizju skont in-notamenti oriġinali u awtentiċi tas-Surmast tal-Iskola tal-Qrendi Filippo Zammit. 


Dun Pietru Pawl Xuereb ma kien jaħrablu xejn u ħaseb saħansitra għall-futur. Huwa kien tassew viżjonarju u jara fittul għall-ġejjieni. Huwa kien kolpit bħall-bqija tan-nies talQrendi u l-kumplament tal-pajjiż meta fix-xtiewi tal-1878 u 1879 niżlet biss 13.44” u 13.74” xita u l-gvern fittex jirrimedja bit-tħaffir ta’ diversi riservi fi nħawi vantaġġjużi. Il-Kappillan ma qagħadx jistenna għall-permessi u fetaħ bokka fuq izzuntier tal-knisja parrokkjali u niżżel spiera għall-użu tal-ilma għas-servizz tal-ħasil u t-tindif tal-patrimonju sagru kollu li kellu taħt il-ħarsien u t-tmexxija tiegħu. Huwa ħa prekawzjoni li serviet għal bosta snin sakemm kienu installati numru ta’ pompi fit-toroq u fil-pjazez prinċipali tar-raħal. 


Huwa ssokta sal-aħħar jiem tiegħu jħabrek biex iwettaq opri għonja fil-parroċċa u jġib it-tempju ’l quddiem. Huwa ma kellu l-ebda intenzjoni u ma kellux tort iżda inevitabilment l-Għid u l-aggruppament il-ġodda fil-Qrendi qasmu r-raħal fi tnejn bħalma kien seħħ fi bliet u rħula oħrajn għaliex il-kompetizzjoni dejjem issarrfet f’pika mhux biss bilformazzjoni ta’ żewġ partiti reliġjużi fi ħdan il-parroċċa stess li injoraw il-fedeltà u ċaħdu r-rispett lejn it-twemmin iżda wkoll bil-miġja tal-baned mużikali. Il-Wisq Reverendu Pietru Pawl intalab biex imur Arċipriet tal-Kolleġġjata tal-Birgu meta filQrendi seħħ qawmien bla preċedent billi l-abitanti tar-raħal filperċezzjoni tagħhom bdew iqisu li t-titular ta’ Marija Assunta kien issuperat u maħnuq minn dak ta’ Lourdes. 


Dun Pietru Pawl ma aċċettax li jitlaq mill-Qrendi iżda huwa kien sfurzat mill-Awtorità Ekkleżjastika u baxxa rasu u rreżenja bil-patt li jibqa’ jiġbed vitalizju minn fuq il-prebenda tal-Parrokat tal-Qrendi. Huwa ħalla l-Qrendi fl-1883 u dam il-Birgu erba’ snin sal-1887 billi tlaħħaq Kappillan tal-Rotunda tal-Mosta. Huwa ħabrek biex l-istess knisja parrokkjali tiġġemmel fl-istruttura, l-estetika u l-monumenti tagħha inkluż il-bini tal-lanterna, it-tpinġija tal-lunetti li juru tmien episodji minn ħajjet Kristu, iż-żanżin tal-istatwa ta’ San Ġużepp u, fuq kollox, biex saret Arċipretali mill-Papa Ljun XIII. Dun Pietru Pawl kellu l-istemma tiegħu taħt l-effiġji ta’ Kristu Rxoxt minn id il-kapulavur Giuseppe Calì. Huwa kellu unur ieħor fil-kullana ta’ suċċessi tiegħu bħala amministratur billi sar l-ewwel Arċipriet hemmhekk fl-10 ta’ Lulju 1888. 


Dun Pietru Pawl laħaq il-quċċata tal-karriera fis-soċjetà meta ddeċieda li joħroġ għall-elezzjoni għal siġġu fil-Kunsill tal-Gvern jew il-Parlament ta’ dak iż-żmien meta prelati u dinjitarji tal-Knisja setgħu jipparteċipaw, ukoll individwalment, fil-politika u filleġislatura. Huwa ma kienx kontestat fil-plebixxit tal-24 u 25 ta’ Settembru 1889 li kien it-tieni wieħed wara li l-Gvern Ingliż kien ta lil Malta Kostituzzjoni li taħtha l-membri eletti kellhom maġġoranza bis-sistema tal-vot negattiv fl-approvazzjonijiet ta’ voti u liġijiet monetarji. 


Dun Pietru Pawl baqa’ jissemma meta fi kwistjoni diplomatika bejn il-Vatikan u l-poteri ċivili domestiċi stqarr fil-Kunsill tal-Gvern fis-seduta tal-5 ta’ Novembru 1890 li kull meta l-Papa jiftaħ ħalqu, kwalunkwe Kattoliku, kien min kien fil-pożizzjoni, kellu jbaxxi rasu u juri stima filwaqt li kull meta s-Santa Sede tieħu deċiżjoni, kien ikun żball jekk ikun espress ħsieb jew isir diskors kontra tagħha. 


Dun Pietru Pawl Xuereb marad bl-imxija Asjatika li laqtet id-dinja fl-1894 u ħalla din id-dinja fil-fjur ta’ ħajtu bla mistenni. Huwa miet fl-għomor ta’ 50 sena fit-22 ta’ Novembru u ndifen fl-istess Rotunda tal-Mosta fejn tfakkar b’mafkar fuq qabru kif ukoll bi kwadru mill-pittur Lazzru Pisani li fih jidher iżomm b’mod prominenti d-digriet tal-elevazzjoni Arċipretali li ddendel fis-sagristija tal-lemin. Huwa baqa’ mfakkar billi ssemmiet triq għalih fil-Qrendi. Huwa jidher ukoll f’pitturi oħrajn li jinsabu fil-knisja parrokkjali tal-Qrendi u fis-sede tassoċjetà mużikali Lourdes fil-Qrendi. 


Bibljografija: 

Arkivju Arċiveskovili Malta, Parroċċi, volum 25; 

Dr.Dan Paulu Xuereb, Tifhir u Talb Lill-Appostlu Ta’ Ruma San Filippu Neri (Żeferinu Micallef, Malta, 1873); 

Filippu Zammit, Ġabra ta’ Ġrajjiet fir-Raħal tal-Qrendi mgħaqqdin għamla ta’ storja (manuskritt); 

Henry Frendo, Party Politics in a Fortress Colony: The Maltese Experience (Midsea Books Ltd, Malta, 1979); 

Alexander Bonnici, ‘125 Sena Ilu. L-Erezzjoni tal-Fratellanza talImmakulata bit-Titlu ta’ Lourdes fil-Parroċċa tal-Qrendi (1878-2003). Ġrajjiet l-ewwel 34 Sena’, Għaqda Mużikali Lourdes, Qrendi, A.D. 1895 – Festa 2003 (Best Print Co. Print, 2003), 26-32; 

Monsinjur Carmelo Xuereb, Intervista fit-22 ta’ Ġunju u fit-13 ta’ Lulju 2004; 

Kevin Muscat, ‘Dr. Dun Pietru Pawl Xuereb, L-Ewwel Arċipriet tal-Parroċċa tal-Mosta’, L-Annwal Soċjetà Filarmonika Nicolò Isouard AD 1871, Festa Santa Marija 2018 (Best Print Co. Print, 2008), 58-63.