







Snin ta' Hidma 2016 - 2017
Ħidmet il-Konfraternità Lourdes hija mifruxa fuq is-sena kollha. Il-Grupp Mexxej kompla jiltaqa’ b’mod regolari matul is-sena kollha sabiex jieħu ħsieb it-tmexxija tal-Konfraternità. Bħala Konfraternità ipparteċipajna fiċċelebrazzjonijiet liturġiċi kollha organizzati fil-parroċċa tagħna u saħansitra f’irħula w ibliet fejn ġejna mistiedna, fosthom fl-Imqabba u ż-Żejtun.
Fis-16 ta’ Ottubru 2016, il-Grupp Mexxej organizza ċelebrazzjoni Marjana fejn morna nżuru l-Knisja tal-Madonna ta’ Porto Salvo (San Filippu Neri), l-Isla fejn intqalet it-talba tar-Rużarju u wara saret quddiesa fil-post fejn San Filippu Neri, Protettur tal-Konfraternità Lourdes huwa meqjum f’Malta.
Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tas-sena tal-Ġublew tal-ħniena, il-Konfederazzjoni tal-Fratellanzi Taljani, ‘Confederazione Italiane delle Confraternite’, organizzat ‘Cammino per I Giovani Confrati’ ġewwa l-Vatikan Ruma bejn it-22 u t-23 t’Ottubru 2016 (Mixja għal membri tal-Konfraternitajiet Żgħażagħ bit-titlu #NOI CI SIAMO). Il-Konfraternità Lourdes tal-Qrendi għal darb’oħra kompliet tikteb l-istorja b’ittri tad-deheb għaliex ipparteċipat b’mod sħiħ f’din il-mixja, u għalhekk għamlet unur lil Qrendi u lil Fratelli Żgħażagħ Maltin kollha. Grazzi mill-qalb tmur lejn is-Sur David Schembri (Sindku tal-Qrendi) li għoġbu jakkumpanja lil membri tal-Konfraternità fil-Vatikan.
Il-Konfraternità Lourdes kompliet tieħu ħsieb il-mezzi ta’ komunikazzjoni tagħha, fosthom il-webpage bl-isem www.
lourdesconfraternityqrendi.com kif ukoll il-paġna ta’ facebook bl-isem Lourdes Confraternity Qrendi – Malta. Matul ix-xhur li għaddew il-Grupp Mexxej kompla jindokra l-patrimonju ta’ paramenti sagri propjetà tal-Konfraternità Lourdes tal-Qrendi.
Proġett Bandalora tal-Konsorelli
Wara t-tlestija tal-ewwel fażi ta’ ħidma li kienet tinvolvi l-konservazzjoni u r-restawr tal-pittura tal-Madonna ta’ Lourdes, xogħol l-artist Giuseppe Bonnici li kienet fi stat ħażin ħafna, issa kien imiss li l-Grupp Mexxej jiffoka l-ħidma tiegħu fuq it-tieni fażi ta’ dan il-proġett billi inxtara drapp li jqarreb kemm jista’ jkun lejn dak oriġinali, u ssir ilħjata meħtieġa biex il-bandalora terġa’ lura fl-istat oriġinali tagħha wara ħafna snin. Minn hawnhekk il-Konfraternità Lourdes tirringrazzja lir-restawratur is-Sur Anthony Spagnol, lill-ħajjata is-Sinjura Carmena Zammit, u lillmembri konsulturi tal-Konfraternità Lourdes is-Sur Rosario Agius u lis-Sur Johnny Abdilla għall-ħidma tagħhom biex dan il-proġett jitlesta. Għalhekk bħala Konfraternità inħeġġu lil kulħadd japprezza l-ħidma li saret fuq din il-Bandalora fil-jiem tal-Festa meta l-Bandalora kompluta se tkun esebita flimkien ma’ dik ta’ San Filippu Neri.
Proġett Domni Konsorelli
Dan il-proġett s-sura tiegħu wara li s-Sinjura Catherine Galea (il-mara tal-President tas-Soċjetà Filarmonika Lourdes) li b’dispjaċir kbir ħalliet din id-dinja s-sena l-oħra, ħarġet b’din l-idea u wara l-Quddiesa tal-Morda tas-Sena l-oħra kellmet membri mill-Grupp Mexxej u dwar dan u għamlet donazzjoni ta’ Euro100 sabiex dan il-proġett seta’ jiġi ikkonsidrat. L-idea ta’ Catherine kienet li l-Konsorelli, bħall-Fratelli jiddistingu lilhom infushom billi jilbsu domna maħduma għalihom. Minn hawnhekk inwegħdu li din l-inizjattiva ser inkomplu naħdmu fuqha biex fi żmien mhux ’il bogħod, invaraw dan il-proġett għall-Konsorelli tal-Konfraternità.
Proġett Damask Ġdid – Festa Madonna ta’ Lourdes tal-Qrendi
Hija ħasra li għal dawn l-aħħar snin, il-festa ddedikata lil Ommna Marija taħt it-titlu ta’ Lourdes ġiet iċċelebrata mneżżgħa minn kull damask fil-Knisja. Dan kien riżultat taż-żmien li għamel tiegħu fuq id-damask li kien jintrama għall-festa ta’ Lourdes u l-festi liturġiċi ewlenin ta’ matul issena, bir-riżultat li meta kellu jitwarrab ma sarx ieħor floku. Bħala Konfraternità kienu diversi d-drabi li fihom ġbidna l-attenzjoni tal-awtoritajiet tal-Knisja, l-aktar dwar il-fatt li l-flus għad-damask li llum jintrama għall-festa titulari kienu miġbura mill-parruċċani kollha tar-raħal bil-ħsieb li dan ikun jista’ jitgawda fil-festi ewlenin kollha, madankollu din iddeċiżjoni nbidlet mingħajr ma saret konsultazzjoni biex sal-ġurnata tal-lum id-damask għadu jintrama għal festa waħda biss. F’dan il-kuntest il-Konfraternità ma tistax ma tqisx din id-deċiżjoni bħala mottiv li seta’ ġab firda u pika bla bżonn fost l-aħwa fil-komunità, u filwaqt li tibqa’ mpenjata favur l-għaqda sħiħa, ma tistax tinjora din l-inġustizzja daqslikieku ma teżistix.
Dan bla dubju dejjem għamilnieh u nibqgħu nagħmluh fi spirtu ta’ djalogu u b’sens ta’ responsabbiltà li joħorġu mill-istess eżistenza tal-Konfraternità li tisħaq fuq il-prinċipju tal-irġulija u s-sens komun. Għadaqstant u fid-dawl li issa għaddew diversi snin bla ma ttieħdet deċiżjoni mill-awtoritajiet kompetenti fi ħadan il-Knisja f’dan ir-rigward, il-Konfraternità Lourdes kienet proattiva, u b’sens qawwi ta’ maturità, responsabblità, umiltà, u għaqda li wara kollox jipplażmaw il-valuri li jagħmluna dak li aħna, preżentajna rikors sabiex il-Konfraternità Lourdes tal-Qrendi tagħmel damask ġdid għall-Festa tal-Madonna ta’ Lourdes tal-Qrendi. Mingħajr mistħija nixtiequ nsostnu li dan il-pass għamilnieh għaliex tassew nemmnu li Ommna Marija hi Omm waħda li għandha diversi titli, u li hi Omm ir-raħal kollu tal-Qrendi bla distinzjoni jew favur. Ir-rikors tressaq għand l-awtoritajiet tal-Kurja mill- Kunsill Pastorali parrokkjali, u issa qed nistennew bilħerqa li nirċievu risposta pożittiva biex tibda l-ħidma fuq id-damask il-ġdid li għandha twassal biex din is-sitwazzjoni anomala ma tibqax aktar.
Għeluq
Il-Konfraternità Lourdes tixtieq tieħu l-okkażjoni tifraħ lill-Prof Dun Manwel Agius wara li reġa’ nħatar membru fil-European Group of Ethics, lill-Qrendi Football Club għall-promozzjoni fl-ewwel diviżjoni, u lis-Soċjetà Filarmonika Lourdes f’għeluq il-75 sena mit-twaqqif tal-Banda Lourdes, l-ewwel Banda imwielda fir-raħal tal-Qrendi. Grazzi mill-qalb tmur lejn is-Surmast Tony Pace u l-Kor Sine Macula, filwaqt li nilqgħu fostna lil Mro. Prof Dione Buhagiar u l-Kor Collegium Musicum li minn din is-sena ser jibdew jieħdu ħsieb l-animazzjoni tal-Festa.
Bħala Konfraternità nixtiequ nagħmlu appell lil kulħadd sabiex inkunu ġenerużi fid-donazzjonijiet tagħna sabiex isiru l-Festi Interni kif ukoll sabiex il-Konfraternità tkompli bil-proġetti tagħha. L-aħħar appell tagħna hu sabiex il- Festa ad unur il-Madonna ta’ Lourdes tkun verament Festa Marjana billi kull wieħed minna jipparteċipa bi sħiħ fiċċelebrazzjonijiet liturġiċi u jersaq lejn is-Sagramenti, kif ukoll billi niċċelebraw mingħajr ma’ nweġġgħu lil ħadd.