top of page

Oratorju "Mater Mirabilis"

Meta wieħed jisma’ l-kelma Oratorju x’aktarx li mill-ewwel jassoċċjaha, fost ħwejjeġ oħra ma’ tip ta’ mużika sagra, orkestra b’kor imdaqqas u knisja barrokka. Jekk dawn huma l-ingredjenti ewlenin li jsawru Oratorju, mela l-Oratorju l-ġdid Mater Mirabilis m’għandux jiddiżappunta.

Ix-xogħol kien ikkummissjonat mill-Fratellanza ddedikata lill-Madonna ta’ Lourdes li tinsab fil-Parroċċa tal-Qrendi, l-għan wara dan ix-xogħol hu biex jitfakkru żewg anniversarji: Il-150 anniversarju mid-dehriet tal-Madonna lill-Bernadette Soubirous u l-120 anniversarju mit-twaqqif tal-Fratellanza ddedikata lill-Madonna ta’ Lourdes fil-Qrendi. Ta’ min wieħed jinnota li l-Fratellanza msemmija twaqqfet għoxrin sena biss wara d-dehriet tal-Madonna f’Massabielle u hija l-unika Fratellanza iddedikata lill-Madonna ta’ Lourdes f’Malta.

Il-lirika hija ta’ John Buttigieg, poeta li ppubblika xogħlijietu f’pubblikazzjonijiet individwali u f’antoloġiji varji fuq medda t’għoxrin sena. Il-ħidma tiegħu fil-qasam letterarju hija mseddqa b’għadd ta’ programmi li pproduċa u ppreżenta fuq il-mezzi tax-xandir u l-gażżetti. Buttigieg huwa wkoll il-ko-fundatur tal-grupp Poeżijaplus.

Il-Mużika tħalliet f’idejn is-Surmast Anthony Pace. Din mhix l-ewwel darba li Pace daħal għal xogħol ta’ statura bħal dan. Is-Surmast Pace jieħu ħsieb il-Kor Sine Macula li se jkun qiegħed jinterpreta dan l-Oratorju għall-ewwel darba nhar is-Sibt 14 ta’ Frar 2009 fil-Knisja Parrokkjali tal-Qrendi.

L-Oratorju huwa mfassal fuq erbatax-il taqsima bi tlett movimenti ewlenin li jkkonverġu il-ħin kollu. Barra ir-rakkont tad-dehriet infushom, l-awtur ħa ħsieb jagħmel ukoll riferenza għall-ġrajja tal-qassis Dun Pietru Pawl Xuereb li fiż-żmien meta kien kappillan il-Qrendi twaqqfet il-Fratellanza ddedikata lill-Madonna ta’ Lourdes (1878). L-istorja tgħid li meta kien għadu żgħir il-kappillan Xuereb marad marda serja u peress li minn dejjem kien devot tal-Madonna żar Lourdes.

Xi żmien wara din l-esperjenza spiritwali Xuereb fieq mill-marda li kienet ħakmitu wkoll. Kif jitlob Oratorju tipiku, dan ix-xogħol jidħol f’mumenti ta’ riflessjoni u ta’ talb biex l-opra issir korp wieħed miktub b’għan waħdani. L-għan huwa li jagħti tifħir lill-Marija li flimkien ma’ binha Ġesù hija r-redentriċi materna tagħna lkoll. Il-fil li jgħaqqad ir-raħal ta’ Soubirous ma’ dak tal-Qrendi huwa naturali daqskemm naturali hija s-sejħa ta’ kull bniedem biex jingħaqad ma’ Marija li hi Ommna lkoll.

L-Oratorju MATER MIRABILIS kien eżegwit għall-ewwel darba mill-Kor Sine Macula taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Anthony Pace nhar is-Sibt 14 ta’ Frar 2009 fil-Knisja Parrokkjali tal-Qrendi.

Restawr tal-Gandlieri ta' l-Altar Maggur

Il-Grupp Mexxej, flimkien ma’ diversi konsulenti qegħdin naħdmu sabiex l-armar li hu propjetà tal-Fratellanza nieħdu ħsiebu u nħalluh fi stat tajjeb għal ta’ warajna. Importanti nifhmu li l-Fratellanza tal-Madonna ta’ Lourdes għandha diversi opri propjetà tagħha fosthom l-istatwa tal-Madonna ta’ Lourdes u l-mant maestuż, l-istatwa ta’ San Filippu Neri, standardi, bandalori, lanterni u slaleb tal-fidda, ventartali, gandlieri, appostli u qaddisin għal fuq l-altari, trieħi, twapet, xemgħa, u ħafna aktar. Dan il-patrimonju, li sar b’ħafna sagrifiċċju jirrikjedi impenn sħiħ u kontinwu ta’ restawr u manutenzjoni sabiex dawn l-opri artistiċi jinżammu flistat oriġinali tagħhom.

Għal dan il-għan wara ħafna konsultazzjonijiet ma’ esperti fir-restawr, il-Grupp Mexxej ta bidu għall-proġett tar-restawr tal-gandlieri tal-Altar Maġġur. Ix-xogħol ġie kkommissjonat lid-ditta Recoop Limited, entità li għandha profil għoli u ħafna esperjenza f’dan is-settur. Il-gandlieri qegħdin jiġu rrestawrati u mhux indurati mill-ġdid sabiex jinżammu fl-istat oriġinali tagħhom. Kif wegħdna s-sena l-oħra, din is-sena għandna l-pjaċir inħabbru li ser ikollna tliet gandlieri minn tas-sekonda lesti.

Kull gandlier ser jiswa €1,200. Dan ifisser li fis-sena 2011/2012 il-Fratellanza ser tkun investiet is-somma ta’ €3,600 f’restawr fuq dawn il-gandlieri. Proġett ieħor ta’ restawr delikat li l-Grupp Mexxej daħal għalih hu dak fuq il-bandalora msejħa tal-Konsorelli. Din il-bandalora iġġib fuqha x-xbieha tal-Madonna ta’ Lourdes, xogħol tal-artist famuż Ġużeppi Calleja. Bħala Grupp Mexxej nemmnu li din il-bandalora għandha terġa’ tkun irrestawrata biex ’il quddiem terġa’ tibda tintuża waqt il-purċissjoni annwali bl-istatwa talMadonna ta’ Lourdes.

Il-Grupp Mexxej qiegħed jaħdem ukoll fuq proġett sabiex il-Mant tal-Madonna jibda jintrama bla sapport jew free standing. Dan ifisser li l-Mant ma jibqax jintrabat aktar mal-bradella tal-Madonna kif isir sa issa. Dan il-proġett qiegħed isir bil-għajnuna ta’ Perit u Inġinier sabiex tinstab l-aħjar soluzzjoni. Matul din is-sena għalaqna l-proġett tal-Midalji ġodda għall-Fratelli u Sorelli bil-għajnuna tas-Sur Antonino Renda u l-Confraternita dell SS Crocifisso ta’ Monreale. Dawn il-midalji saru tal-fidda għand arġentier famuż ġewwa Sqallija. Kull min ikun interessat li jixtri Domna jkellem lis-Segretarju tal-Fratellanza, is-Sur Nicholas Azzopardi.

Bħala Grupp Mexxej nirringrazzjaw lil kulħadd tal-għajnuna u s-sapport li dejjem insibu kemm mill-membri tal-Fratellanza, kif ukoll mill-Komunità in ġenerali sabiex inkunu nistgħu nkomplu naħdmu fuq dawn il-proġetti ambizzjużi. Donazzjonijiet b’risq il-proġetti msemmija jistgħu jsiru għand il-membri tal-Grupp Mexxej fejn għal kull donazzjoni tingħata irċevuta.

Medalji Godda

Matul is-sena 2012, il-Konfraternita' ghalqet il-progett tal-Midalji godda ghall-Fratelli u Sorelli bil-ghajnuna tas-Sur Antonino Renda u l-Confraternita dell SS Crocifisso ta’ Monreale. Dawn il-midalji saru tal-fidda ghand argentier famuz gewwa Sqallija.

bottom of page