top of page

l-Origini tal-Konfraternita'

L-origini tal-fratellanza jehodna lejn zmien il-kappillan Dun Pietru Pawl Xuereb (1869-1882), qassis mill-Isla. Il-grajjiet tal-Qrendi jibdew meta kienu ghadhom ma ghaddewx ghoxrin sena minn meta l-Madonna kienet dehret lic-ckejkna Bernardette Soubirous fil-grotta ta` Massabielle fil-belt ta` Lourdes fi Franza. Il-qima lejn il-Madonna taht dan it-titlu ta` Lourdes kienet bdiet tinfirex minnufih mad-dinja nisranija. Is-Santwarju ta` Lourdes beda jsir maghruf dejjem izjed sakemm kellu jsir l-aktar wiehed importanti fost is-santwarji kollha tad-dinja nisranija.

Il-kappillan Xuereb xtaq li, fil-parrocca tal-Qrendi, tidhol din id-devozzjoni lejn il-Madonna ta` Lourdes. Hu xtaqha bhala radd il-hajr lill-Madonna. Fil-fatt, il-kappillan, f`zghozitu, inhakem minn marda li hassbitu hafna. Hu talab lill-Madonna. Fiha sab il-farag u l-fejqan. Fl-1877 Xuereb ikkumissjona pittura tal-Madonna ta` Lourdes lill-pittur Guzeppi Bonnici. Din il-pittura saretu llum din ix-xbiha qieghda fis-sagristija tal-knisja parrokkjali. Ftit xhur wara, l-istess kappillan ikkummissjona pittura ohra tal-Madonna ta' Lourdes ghand l-istess pittur, dik li llum tinsab fuq l-artal tal-Fratellanza ta' Lourdes. Imma d-devozzjoni setghet tqum u tinzamm hajja bis-sahha tat-twaqqif ta' Fratellanza. Ghalhekk, il-kappillan ghamel rikors lill-Arcisqof Carmelo Scicluna, isqof ta' Malta, biex titwaqqaf fratellanza taht dan it-titlu. Il-kappillan innifsu ha hsieb jifformula l-istatuti sabiex dawk kollha li jinkitbu fil-fratellanza jkunu jafu b'liema dmirijiet kienu qed jintrabtu.

L-arcisqof Scicluna laqa' r-rikors tal-kappillan Xuereb, u fil-21 ta' Jannnar 1878 waqqaf, skond il-ligijiet tal-knisja, l-fratellanza tal-Madonna ta' Lourdes. Malajr kien hemm l-ewwel fratelli. Dawn tefghu ghajnejhom fuq l-ahjar statwarju tal-kartapesta. F'Malta ma kienx hawn ahjar minn Karlozz Darmanin, li kien imharreg sewwa f'din l-arti. Malta kienet mizghuda bi statwi li kienu hargu min idejn dan l-istatwarju Senglean. Din l-istess statwa tlestiet fl-istess sena ta' l-erezzjoni tal-fratellanza. Barra minn hekk, it-tieni pittura ta' Guzeppi Bonnici tqieghdet fuq artal li l-fratellanza giet moghtija f'idejha. Il-kappillan Xuereb ghazel lil San Filippu Neri bhala protettur tal-fratellanza. Ghalhekk, l-istatwarju Karlozz Darmanin inghata wkoll il-kummissjoni li jahdem ghall-Qrendi statwa ta' San Filippu Neri li hallas ghaliha Filippu Psaila mlaqqam ta' Bieza. Din ma damitx ma saret. Fl-ewwel snin tal-fratellanza, kienet issir il-festa ta' dan il-qaddis. Din l-istatwa kienet tohrog processjonalment flimkien ma l-istatwa tal-Madonna ta' Lourdes.

Il-fratellanza, fit-23 t'April, 1878 giet agregata mal-kongregazzjoni primarja taht it-titlu ta' l-Annunzjata li hemm f'Ruma. Fis-7 ta' Mejju tal-1878, giet maghquda wkoll ma' l-arcisodalita' ta' Sidtna ta' Lourdes f'Ruma wkoll. Sabiex id-devozzjoni lejn il-Madonna ta' Lourdes tikber, il-kappillan Xuereb ha hsieb ifassal kurunella ta' tifhir lill-Madonna. L-isqof ta' Malta approvahhielu u baqghet tigi recitata fil-Qrendi sal-gurnata tal-llum. Inkitbu l-ewwel fratelli u dahhlu wkoll id-drawwietli konna nsibu fi fratellanzi ohrajn imxerrdin ma Malta. Fosthom insibu dik li r-rettur igib fuqu l-midalja li fuqha tkun tidher il-Madonna ta' Lourdes. Sar ukoll salib b'kurcifiss tal-fidda li jintuza ghal kull purcissjoni. Barra minn hekk, hadu hsieb ukoll li jordnaw sett gandlieri li jintramaw fuq l-altar maggur fl-okkazjoni tal-festa tal-Madonna. Inhadem ukoll standard b'lasta miksija bil-fidda.

Fi zmien l-istess kappillan Xuereb, il-fratellanza hadet hsieb li jsiru sopraporta u purtiera biex jitqieghdu mal-bieb ewlieni tal-knisja. Inhadmu ghal fuq l-altar, dawk li kienu jissejhu karti tal-glorja: bit-talbiet jew qari li fl-imghoddi s-sacerdot kien jghid f'kull quddiesa. Ghal dawn l-opri ghonja, li saru fi zmien ta' faqar, l-akbar benefatturi kienu l-membri tal-fratellanza tal-Madonna ta' Lourdes. Imma l-kappillan innifsu ha hsieb, biex, bi flusu u bi flus il-familjari tieghu, isiru opri ghonja fil-knisja parrokkjali tal-Qrendi. L-ghan tieghu kien li jitgawdew fil-festa tal-Madonna ta' Lourdes.

Fil-limiti tal-Qrendi, hemm knisja msemmija ghall-Madonna tal-Hniena. Hi f'dik ix-xaqliba tar-rahal msejjha Hal Lew. Wara li kienet giet skonsagrata mill-vizitatur appostoliku Mons. Pietru Dusina fl-1575, il-knisja bdiet tinbena mill-gdid fl-1650. Ghal xi zmien kienet meqjusa bhala s-Santwarju Marjan maghruf wara dak tal-Madonna tal-Mellieha. F'dik il-knisja kien hemm statwa tal-Madonna, illi, fuq rasha kienet titqieghed kuruna tal-fidda. Imma f'nofs is-seklu dsatax, id-devozzjoni kienet marret lura u dik l-istatwa tal-Madonna tnehhiet mill-knisja.

Fis-sena 1877, il-kappillan Xuereb kien l-amministratur tal-knisja. F'supplika li hu ghamel lill-Arcisqof Scicluna, hu fisser li dik il-kuruna kienet saret inutli ghal dik l-istatwa ghaliex ma kinetx qed titqieghed izjed fuq ras il-Madonna. Imma lill-Arcisqof qallu wkoll li f'dik is-sena 1877, kien hemm il-hsieb li ssir statwa tal-Madonna ta' Lourdes ghall-festa tal-fratellanza li kien mixtieq li titwaqqaf fil-Qrendi. Dik il-kuruna tal-fidda setghet isservi biex izzejjen ras l-istatwa li kienet sejra tigi kummissjonata lill-istawarju Senglean Karlozz Darmanin. Ghalhekk, il-kappillan ghamel supplika lill-Arcisqof Scicluna biex jippermettilu jiehu dik il-kuruna tal-fidda halli jpoggiha fuq ras l-istatwa tal-Madonna li kienet ser issir ghall-parrocca tal-Qrendi. Min-naha tieghu, l-Arcisqof Scicluna, fit-18 ta' Ottubru, 1877, tah il-permess mixtieq.

Fratellanza minghajr festa ma kienet tfisser kwazi xejn. Ghalhekk, il-kappillan Pietru Pawl Xuereb, li thabat biex titwaqqaf il-fratellanza, hadem ukoll sabiex tigi iccelebrata l-festa tal-Madonna ta' Lourdes fir-rahal tal-Qrendi. Fl-irhula fil-qrib, kien hemm parrocci li kellhom izjed minn festa wahda li kienu jigu ccelebrati bil-kbir. Huwa bizzejjed li nsemmu liz-Zurrieq: b'Santa Katerina u l-Madonna tal-Karmnu, Hal Ghaxaq: b'Santa Marija u San Guzepp, u Haz Zebbug: b' San Filep u San Guzepp.

Sa izjed minn mitejn sena qabel, kien hemm fil-Qrendi knisja imsemmija ghal Santa Marija ta' Bieb ix-Xaghra. Imma l-Isqof Giovanni-Michele Balaguer, fit-18 ta' Settembru 1658, iddikjaraha skonsagrata ghax kienet fi stat hazin. Imbaghad wara li ghadda zmien twil, l-Arcisqof Scicluna, fl-24 ta' Lulju tal-1877, hareg il-permess biex, fuq is-sit tal-knisja li kienet spiccat ghal kollox, jinbena mezzanin. Dawk li hadu l-art u bnew il-mezzanin fuqha, taw il-kappillan, is-somma ta' 350 skud. Ohrajn offrew hafna xoghol volontarju.

Dawk li offrew il-flus jew ix-xoghol volontarju, fl-1879, poggew il-kundizzjonijiet taghhom. Dawn kienu:

01. Mir-renta annwali jinghataw hames skudi u tlet irbajja biex jitqaddsu tlet quddisiet semplici skond l-intenzjoni ta’ Ganni w Lucija Ciantar, bit-tliet omeliji fit-tridu ta’ qabel il-festa tad-demm ta’ Kristu. Din il-festa kienet tigi iccelebrata fil-knisja parrokkjali tal-Qrendi.

02. Mill-istess renti, kienu jitqaddsu zewg quddisiet kantati: wahda ghal ruh Ubaldeska Farrugia u ohra ghal zewgha Saver.

Lilna, tinteressana it-tielet kundizzjoni. Kienet ghadha kif twaqqfet il-Fratellanza tal-Madona ta’ Lourdes. Ghalhekk, gie stabbilit, li, wara li jinqatghu l-ispejjez kollha jigu sodisfatti l-obbligi li kien hemm, dak li jifdal kellu jmur ghall-ispejjez tal-festa tal-Vergni Marija Immakulata, taht it-titlu ta’ Lourdes, fil-Qrendi. Il-kappillan Xuereb ma riedx, li biz-zmien, ikun hemm min ikollu xi pretensjonijiet fuq il-propjeta` u r-renti ta’ dak il-mezzanin. Ghalhekk, hu talab lil-Arcisqof, biex isir kuntrat pubbliku. Xtaq ukoll illi l-amministrazzjoni tkun f’idejn il-prokuratur tal-fratellanza ta’ Lourdes.

Il-festa ta' Lourdes malajr bdiet tidher fost l-ewlenin tal-parrocca. Fl-1872, qabel ma kienet twaqqfet il-Fratellanza, l-ahwa Spiteri – Agius kienu rregalaw lill-parrocca apparat gdid tal-lama. Kien jintuza ghall-Ghid il-Kbir, fil-Kwaranturi, fil-Korpus u Santa Marija. Imma l-att notarili gie rivedut quddiem in-nutar Perod fis-27 ta' Lulju 1881, biex jidhol fih dak l-apparat jintuza wkoll ghall-festa tal-Madonna ta' Lourdes. Il-kappillan Xuereb kien masrbut hafna mal-festa ta' Lourdes. Ghalhekk hu ried li titqieghed statwa ckejkna tal-Madonna ta' Lourdes fuq il-bieb tad-dar tieghu wkoll. Mill-bidu nett, deher li l-festa tal-Madonna ta' Lourdes fil-Qrendi kienet sejra tibqa` tikber u kienet sejra tinholoq rivalita` mal-festa titulari ta' Santa Marija.

Fis-26 ta' Lulju ta' l-1882, Pietru Asciak, f'testment quddiem in-Nutar Mikilang Zammit, halla zewg skudi u sitt irbajja biex jitkantaw l-ewwel u t-tieni ghasar fil-festa ta' Lourdes, il-Qrendi. Fl-istess gurnata, Marjanna Asciak, f'testment quddiem l-istess nutar Zammit, halliet ukoll l-istess kapital ta' zewg skudi u sitt irbajja ghal dak li jinseg il-panigierku ta' dik il-festa. Fl-1883, il-kappillan Xuereb spicca mill-Qrendi. Imma, izjed, ma naqsux milli jsemmu triq ghalih. Hafna snin izjed tard, dawk li rabtu qalbhom mal-Madonna ta' Lourdes, ma naqsux milli jithabtu biex jissemmew toroq li jfakkruna f'dawk id-dehriet. Ghalhekk fil-Qrendi ta' zmienna, insibu toroq b'dawn l-ismijiet: Santa Bernardetta Soubirous (li huwa kunjom Santa Bernardetta), il-Pirinej (il-muntanji biswit ir-rahal ta' Lourdes), Massabielle (il-post ezatt fejn dehret il-Madonna), Karlu Darmanin (l-istatwarju li hadem l-istatwa tal-Madonna ta' Lourdes), Francesco Buhagiar (president tas-Socjeta` Lourdes) u Mikiel Ciantar (li waqqaf il-Banda Lourdes fl-1942)

Saru testmenti ohrajn li fihom dehret ir-rabta tal-Qrendin mal-Madonna ta' Lourdes. Fis-16 ta' Marzu ta' l-1889, Pietru Magri haseb fil-festa fit-testment tieghu li ghamlu quddiem in-nutar Mikilang Zammit. Hu halla skud fis-sena ghall-festa tal-Madonna ta' Lourdes tal-Qrendi. Salvu Cachia, fit-testment tieghu tas-6 ta' Dicembru ta' l-1889, quddiem in-nutar Frangisk Caruana, juri d-devozzjoni tieghu lejn il-Madonna. Fit-testment nafu, li, fil-knisja parrokkjali, kien hemm kwadru tal-Madonna ta' Lourdes. Dan halla legat biex issir in-novena ta' l-Immakulata Kuncizzjoni. Din tkun tikkonsisti f'disa` quddisiet semplici bid-daqqta' l-orgni u b'omelija fuq il-misteru ta' l-Immakulata. Cachia ddispona wkoll, li dak li jifdal milli hu kien se jhalli fit-testment kellu jservi bhala sussidju ghall-ispejjez tal-festa solenni tal-Madonna ta' Lourdes.

Wara Xuereb, kien hemm il-kappillan Dun Manwel Buttigieg. Imma dan ma damx hlief tliet snin (1882-1885) Imbaghad lahaq kappillan Dun Karm Azzopardi. Il-parrokkat tieghu kien wiehed ta’ sentejn (1886-1888). Warajh, lahaq Dun Frangisk Farrugia, li dam erbgha snin (1888-1892). Dan juri, li f’ghaxar snin, il-Qrendi kellu erbgha kappillani. Dawn ma hallewx isem fil-Qrendi. Imma, fi zmienhom ukoll, il-fratellanza ta’ Lourdes baqghet hajja. Il-fratelli baqghu jizdiedu. Bdew jigu akkwistati wkoll bosta oggetti li kienu esklussivament ta’ din il-fratellanza.

Iz-zmien twil tal-kappillan Dun Alfons Tabone (1893-1926) jurina li l-fratellanza kienet hadet ir-ruh sewwa. Nikola Magri, li kien prokuratur, fl-1894, fisser quddiem l-Arcisqof Pietru Pace, liema kienu l-oggetti tal-fratellanza. Jissemmew Sopraporta indurata, purtiera tal-harir, sopratovalja, tapit, tliet gwarnici ghall-karti glorja u erbgha bicciet ta’ damask ahmar ffjurit ghal tizjin fil-knisja. B’kitba ta’ l-avukat G. Pullicino u tal-prokuratur legali Kostantin Fenech, tfisser b’mod car li l-oggetti kienu qed jinghataw f’idejn il-prokuratur. Il-kitba giet ipprezentata f’isem il-fratellanza mill-kappillan Tabone fis-16 ta’ Frar ta’ l-1894. L-arcisqof Pace ta l-approvazzjoni tieghu fit-18 ta’ Marzu ra’ l-1894.

Dwar xi armar, gieli nholqu xi problemi. Fl-1894, il-festa ta’ Lourdes kienet qed issir b’solennita` kbira fil-Qrendi. Skond it-tradizzjoni tal-festi taghna, il-knisja parrokkjali kellha tuzell tal-lama u b’rakkmu ghani fih. Il-fratelli ta’ Lourdes kienu hallsu ghal izjed minn nofs l-ispiza tieghu. Kien qieghed jintama` fil-knisja, fl-gholi fuq l-artal maggur, ghaz-zewg festi ewlenin tal-parrocca: Santa Marija Assunta u l-Madonna ta’ Lourdes. Imma l-prokuratur tal-knisja, li kien Dun Frangisk Bugeja, iddispona kontra l-ftehim li kien hemm, li dak it-tuzell jintrama` ghall-festa titulari biss.

Ghalhekk, il-prokuratur ta’ Lourdes, li kien Nikola Magri, inqeda bl-avukat G. Pullicino u l-prokuratur legali Kostantin Fenech biex jitressaq rikors quddiem l-Arcisqof Pace, halli kollox jirritorna kif kien qabel. Fit-22 ta’ Jannar ta’ l-1894, il-prokuratur legali Fenechghamel rikors quddiem il-kappillan Tabone. Fis-7 ta’ Frar ta’ l-1894, ressaq rikors quddiem l-Arcisqof. Imbaghad, fil-5 ta’ Marzu ta’ l-istess sena, l-arcisqof Pace wera b’digriet li hu kien jaqbel ma dik li l-fratellanza ta’ Lourdes kellha dritt ghalih dwar l-armar tat-tuzell fil-festa taghhawkoll. Id-digriet juri li t-tuzell kellu jintrama, mhux biss f’dik is-sena 1894, imma wkoll fis-snin kollha li kellhom jigu wara.

F’dan iz-zmien ukoll, Guzeppa Magri ghamlet testment quddiem in-nutar Frangisk-Gorg Schembri, fis-6 ta’ Gunju ta’ l-1895. Fih hi ddisponiet li erba` xelini mid-dhul ta’ l-art taghha f’tat-Torba, imorru ghall-festa tal-Madonna ta’ Lourdes. Is-sena 1895 kienet dik meta xi persuni fil-Qrendi krew il-palazz tan-nobbli Spiter-Agius fi Strada Reale (Triq il-Kbira), u fih kienu jqattghu ftit hin flimkien. Kien bhal kazin socjali li ssejjah “Circolo Musicale Bellini”. Kien hemm l-orkestra Bellini. Il-membri kienu jinteressaw ruhhom fiz-zewg festi ewlenin tal-Qrendi: Santa Marija u ta’ Lourdes. L-ewwel surmast kien Anton Pace. Imma kien ghad fadal biex tibda l-banda Lourdes, ghalkemm il-kazin malajr issejjah Casino` Lourdes. Il-post tal-kazin izjed tard, inbidel. Sadanittant, fil-Qrendi, bdew jidhru xi nicec mad-djar bil-Madonna ta’ Lourdes fihom.

Fl-1905, ic-Circolo Bellini ma baqax jiehu hsieb il-festa ta’ Santa Marija minhabba xi nuqqas ta’ ftehim bejn il-membri u l-kappillan Tabone. Dan ic-cirkolu ha fuq spallejh il-piz tal-festa ta’ gewwa u ta’ barra tal-Madonna ta’ Lourdes. L-ewwel president kien Ninu Fenech. Il-vici president kien Nikol Magri. Dan Magri sehhlu jwaqqaf l-ewwel orkestra minn fost il-membri tal-kazin. Hafna minn dawk li kienu fic-cirkolu muzikali kienu fratelli ta’ Lourdes ukoll.

Il-qaghda ma tbiddlitx sa l-1911. Imbaghad, mis-sena 1912, bdiet issir distinzjoni bejn l-armar li jzejjen il-knisja parrokkjali ghal Santa Marija u dak li jzejjinha ghall-festa tal-Madonna ta’ Lourdes. Il-fratellanza ta’ Lourdes bdiet tahseb biex ikollha l-armar taghha ghall-festa. Xi diffikultajiet ma naqsux. Kien hemm dawk li dehrilhom li ma kienx ghalfejn issir din id-distinzjoni bejn Santa Marija u ta’ Lourdes. Ma kellhomx idumu ma jinstabu benefatturi kbar ghall-festa ta’ Lourdes. Dan kollu li kien se jsir kellu jibqa` ghal ta’ Lourdes biss.

Fl-1912 kienu ghaddew 34 sena minn zmien it-twaqqif tal-fratellanza. Izjed tard kellhom jigu zminijiet koroh hafna. Il-fratellanza kienet sahansitra se tigi sopressa, u mbaghad titwaqqaf mill-gdid. Dak li hu mportanti izjed narawh fil-fatt li d-devozzjoni lejn Sidtna Marija ta’ Lourdes ma qatghet qatt fir-rahal tal-Qrendi. L-insara ta’ dan ir-rahal baqghu jhossu l-Madonna qrib taghhom dejjem izjed. Lilhom il-Madonna heggitilhom qlubhom, u huma talbuha bil-qalb taht dan it-titolu ta’ Lourdes. Il-Qrendi ta dawn l-ahhar 135 sena ntefghu f’riglejha kemm biex iroddulha hajr fis-sabih tal-hajja, kif ukoll biex jitolbuha ghajnuna fi zmien ta’ taqlib u ta’ qtigh il-qalb.

Il-Hadd 13 ta’ Lulju 1958 tibqa’ mnizzla bhala wahda minn dawk il-granet tad-deheb fl-istorja tal-Fratellanza tal-Beata Vergni Immakulata ta’ Lourdes fil-Qrendi. Wara sospensjoni ta’ 23 sena (fejn il-Fratellanza xorta baqghet tezisti) il_fratellanza thaddmet mill-gdid u ghalhekk il-purcissjoni bl-Istatwa tal-Madonna ta’ Lourdes harget processjonalment fil-Qrendi.

Ghalhekk l-ewwel festa li saret kienet fil-gurnata taghha, fit-tieni Hadd ta’ Lulju, peress li fl-antik, hekk kienet tigi ccelebrata. Dan kollu sar possibbli wara li Mons. Arcisqof Michael Gonzi, rega’ waqqaf il-Fratellanza, f’gheluq ic-centinarju tad-dehriet tal-Madonna ta’ Lourdes. Il-Fratellanza, din is-sena taghlaq 135 sena. Din id-devozzjoni tmur lura lejn is-sena 1878 (20 sena wara d-dehriet tal-Madonna f’Lourdes0 meta kappillan zaghzugh Dun Pietru Pawl Xuereb beda’ jxerred din id-devozzjoni.

Ta’ min ifakkar li l-Fratellanza twaqqfet b’digriet fil-21 ta’ Jannar, 1878. Digrieti ohrajn datati 23 t’April 1878 u 7 ta’ Mejju 1878 fejn jikkonfermaw li l-Fratellanza tal-Beata Vergni Immakulata ta’ Lourdes giet unita mal-Kongregazzjoni Prima Primarja u ma’ l-Arcisodalita’ ta’ Lourdes f’Ruma. Dawn kellhom bhala Rettur u Kap taghha lill-Papa.

Fl-1958, reghet fegget mill-gdid fit-toroq tal-Qrendi, x-xbieha sabiha tal-Madonna ta’Lourdes. Id-determinazzjoni u l-imhabba ta’ missirijietna li jaraw ix-xbieha ta’ Lourdes tbierek mill-gdid it-toroq tal-Qrendi kienet ta’ min ifahharha. Il-merhba li l-Istatwa tal-Madonna ta’Lourdes nghatat fl-ewwel dehra taghha fil-bieb tal-Knisja, f’dak il-jum tal-Hadd 13 ta’ Lulju 1958, kienet wahda kbira u zgur lima tintesiex. F’din il-purcissjoni hadu sehem mal-170 fratell. Haga li baqghet tissemma hi li minhabba dan in-numru ta’ fratelli, l-Istandart tal-purcissjoni kien rega’ wasal biex jidhol fil-Knisja u l-Istatwa kienet l-anqas biss harget mill-Knisja!

Din kienet holqa ohra fl-istorja tal-Konfraternita tal-Beata Vergni Immakulata taht it-titolu minn ta’ Lourdes fir-rahal taghna tal-Qrendi.

Din l-informazzjoni hija mehuda min artiklu miktub minn Alexander Bonnici OFM Conv. li deher fil-ktieb li s-Socjeta' Muzikali Lourdes Qrendi ppublikat fil-Festa 2003.

bottom of page