top of page

Konservazzjoni u Restawr fuq Pittura tal-Madonna ta' Lourdes

Restawr minn: Anthony Spagnol, Jeanelle Lentini u Sephora Borg

Din il-pittura fuq it-tila turi xbieha tal-Madonna ta’ Lourdes impittra minn Giuseppe Bonnici fis-seklu dsatax. Oriġinarjament din il-pittura kienet tagħmel parti minn bandalora. Matul iż-żmien din ix-xbieha ġarrbet ħsarat estensivi li kienu jinkludu tiċrit u deformazzjonijiet fit-tila kif ukoll ammont kbir ta’ żebgħa oriġinali li intilfet. Dan il-proġett ta’ konservazzjoni u restawr ħa madwar tlett snin; beda fl-2013 u ġie fi tmiemu fl-2015.

Matul il-fażi ta’ restawr ġie skopert li xbieha simili ta’ din il-Madonna ta’ Lourdes, impittra ukoll minn Giuseppe Bonnici fl-1877, tinsab fis-sagristija tal-Knisja Parrokkjali tal-Qrendi. Din tal-aħħar serviet bħala punt ta’ referiment mill-aktar utli sabiex jiġu rikostruwiti l-partijiet in-nieqsa fuq ix-xbieha li kienet qed tiġi restawrata.

Għalkemm il-pittura sofriet minn ħsarat estensivi, l-iktar ħaġa importanti kienet li jiġi kkonservat dak li kien għad fadal mill-pittura u għalhekk inbeda xogħol ta’ konservazzjoni fuq it-tila. Il-proġett beda billi tneħħew id-deformazzjonijiet kollha li kienu preżenti fit-tila imbagħad fejn kien hemm tiċrit dawn twaħħlu flimkien b’materjal sintetiku. Minħabba li t-tila oriġinali kienet dgħajfa ħafna, ġie deċiz li l-pittura oriġinali tiġi rinfurzata b’tila oħra għal aktar stabbilta’.

Wara li sar ix-xogħol ta’ konservazzjoni fuq is-sapport tal-pittura, bdew ukoll trattamenti fuq iż-żebgħa pittorika. Il-pittura tnaddfet minn trabijiet u ħmieġ superfiċjali imbagħad wara ġie applikat verniċ sintetiku sabiex jiġu separati t-trattamenti ta’ restawr minn mal-oriġinali. Partijiet fejn iż-żebgħa oriġinali kienet mitlufa ntlew bi stokk bażi naturali.

L-irtokk fuq il-partijiet nieqsin sar b’kuluri bażi ta’ verniċ. Fl-aħħar talintervent, ġie applikat verniċ sintetiku bi sprej bħala protezzjoni għall-kulur. Peress li hemm il-ħsieb li l-pittura tiġi inserita ġo bandalora, kif kienet oriġinarjament, għall-konservazzjoni tagħha, ġiet stirata fuq Perspex irqieqa li inqatgħet bil-forma tal-pittura.

bottom of page